Nies Prominenti

lawrenz zammit

DUN LAWRENZ ZAMMIT – KITTIEB STORIKU
DATA TAT-TWELID: 1863
POST TAT-TWELID: L-IMQABBA


Dun Lawrenz Zammit kien Prokuratur tal-Knisja Parrokkjali u fil-perjodu li fih kien jamministra saru diversi opri sbieħ fil-Knisja. Fosthom insibu l-pittura fil-koppla u l-irħam ffurmat f’artal. Dan l-irħam kien imsejjaħ MALAKITE li sfortunatament intilfu bit-tiġrif ta’ l-istess koppla fll-attakk ta’ l-għadu tad-09 ta’ April 1942. Hi tassew ħasra li dak li ħadem għalih Dun Lawrenz spiċċa frak. Madankollu, Lawrenz jibqa’ mfakkar għal kitbietu, ewlenin fosthom kien it-tagħrif dwar l-Imqabba fl-1898 bl-isem ”GĦAT TILET ĊENTINARJU TAL EREZIONI TAL CNISIA PARROCCHIALI TA’ L’IMKABBA FIL FESTA SOLENNI TAL GLORIUSA ASSUNZIONI TAL BEATA VERGINI MARIA FIS-SENA 1898”. Ktieb interessanti ieħor ta’ Dun Lawrenz kien iġib l-isem “DESCRIZIONI STORICA TAL CNISIA PARROCHIALI TAL IMKABBA. Kitbet Dun Lawrenz Zammit tefgħu dawl fuq il-passat dwar l-opri li għandna ngawdu sal-lum speċjalment fil-Knisja Parrokkjali u wkoll l-attivita soċjo-reliġjuża ta’ l-antenati Mqabbin. Min jiġu f’idejh il-pubblikazzjonijiet ta’ Dun Zammit hu mitlub sabiex jinfurmana ħalli l-Kunsill Lokali tal-Imqabba jieħu ħsieb li dan it-tagħrif siewi ma jsirx frak bħal għemilu stess kif ġara fil-Knisja fl-1942.
Ms Carmen Lia B.Ed (Hons), B.A., Drittijiet Mizmuma



nikola zammit DUN NIKOLA ZAMMIT – KITTIEB PROLIFIKU U EDITUR
DATA TAT-TWELID: 24 TA’ LULJU 1888
POST TAT-TWELID: L-IMQABBA
DATA TAL-MEWT: 11 TA’ AWISSU 1969
POST FEJN MIET: DAR TAL-KLERU, FLEUR DE LYS

Laħaq qassis fl-20 ta’ Settembru 1913 u bl-entużjażmu tiegħu beda joħroġ ħarġiet interessanti tal-“ĦARĠA MISSJUNARJA”, fl-1932. Hu kien iwiegħżen l-artikli miġbura minn diversi seminaristi fll-għorfa ta’ fuq tad-Dar ta’ l-Assistenza ħdejn San Ġakbu l-Belt. Dak iż-żmien perjoiċi bil-Malti ftit I xejn kien hawn u dan kien għajn ta’ tagħlim reliġjuż fiż-żminijiet imbiegħda għall-Knisja Maltija. Il-kontribut tiegħu ma jiqafx hawn għax hu ippubblika diversi kotba oħrajn dwar Ħajjet : Santa Ġemma Galgani, Suor Beninja Consolata Ferrero u Santa Margerita ta’ Cortona. Ġabar f’żewġ volumi tagħlim li jwassal għall- “IT-TRIQ TAL-PERFEZZJONI NISRANIJA.”
Ms Carmen Lia B.Ed (Hons), B.A., Drittijiet Mizmuma


PAWLU U BASKAL XUEREB – BENNEJJA

F’dak iż-żmien il-bennejja kienu jsejħulhom ‘MGĦALLMIN.’ Pawlu u ibnu Baskal li kien ukoll Soċju tal-Mużew, kienu ‘mgħallmin’ prim. Pawlu bena l-Kappella tan-Nazzarenu fiċ-Ċimiterju tal-Imqabba. Kien Baskal iżda li daħal għax-xogħol tal-bini mill-ġdid wara t-tiġrif tal-Gwerra fosthom tal-Koppla tal-Knisja Parrokkjali fl-1948. Baskal kien il-bennej ta’ diversi djar fl-Imqabba u bena l-Mużew tas-subien kif ukoll il-Każin tal-Madonna tal-Ġilju. L-opri ta’ Baskal huma mxerrdin ma’ Malta kollha fosthom il-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara u djar ‘l hawn u ‘l hemm fosthom vilel.



GELORAMO DINGLI – STATWARJU
DATA TAT-TWELID: 7 TA’ JANNAR 1910
POST TAT-TWELID: L-IMQABBA
DATA TAL-MEWT: 26 TA’ MEJJU 1994
POST FEJN MIET: RABAT


Il-ħajra ta’ statwarju ġietu minn mindu kien tifel. Kien dejjem jifforma bit-tajn u t-tafal il-figuri, fosthom pasturi. Fl-Imqabba ħalla l-istatwa tad-Duluri fl-1977 u bħal persuni oħra msemmija f’din it-taqsima ta’ NIES IMPORTANTI, ħalla diversi opri mxerrdin ma’ Malta kollha, fosthom dawk ta’ Xmun iċ-Ċirinew u ta’ Ġuda fil-Parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ, fl-1964 u l-1978 rispettivament, u statwi oħrajn għall-Mosta fl-1963 u għal Ħal Luqa fl-1973.

 

 



alfons caruanaDUN ALFONS CARUANA – POLITIKU MQABBI
DATA TAT-TWELID: 1854
POST TAT-TWELID: L-IMQABBA
DATA TAL-MEWT: 21 TA’ APRIL 1905
POST FEJN MIET: RABAT


Fl-1895, Dun Alfons Caruana ġie elett Kunsillier Indipendenti. Dun Alfons daħal Patri ma’ l-Ordni tal-Franġiskani Minuri u qaleb għal Qassis fl-20 ta’ Ġunju 1877. Hu kien prokuratur tal-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba bejn id-09 ta’ Jannar 1980 u t-18 ta’ Frar 1892. L-impenji bħala qassis ħaduh ‘il bogħod minn xtutna għaliex mar fil-Lvant Imbiegħed u ħadem ukoll f’pajjiżi Għarab bħall-Alġerija. Kien membru fil-Kumitat ta’ Istitut tal-Karita’. Sar President tal-Każin Vittoria, l-ewwel Każin Soċjali fl-Imabba fejn mhux biss ħadem biex inaqqas il-piki iżda kien influwenti politikament biex sebbaħ il-lokal. Marbut ma’ dan hu l-iffurmar ta’ Ġnien Pubbiku fl-inħawi tal-Mintna fejn waqqaf l-Istatwa ta’ San Franġisk. Inċidentalment din l-istatwa kienet irrestawrata mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba fit-Tielet Leġislatura. Kien ukoll President tal-Banda Concordia taż-Żurrieq u laħaq fit-08 ta’ Diċembru 1899, Kanonku tal-Kripta tal-Koleġġjata ta’ San Pawl tar-Rabat. Ġrajja mportanti fil-ħidma ta’ Dun Alfons Caruana seħħ fl-01 ta’ Diċembru 1896 meta bierek l-impjant tal-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku fuq ix-xewqa tal-Gvernatur Fremantle.


MIKELANĠ SAPIANO – MEKKANIKU / ARLUĠĠAR
DATA TAT-TWELID: 1826
POST TAT-TWELID: L-IMQABBA
DATA TAL-MEWT: 1912


Hafna nies jassoccjaw lil dan l-aroggar ma’ Hal Luqa, izda fil-fatt Mikelang Sapiano twieled u trabba fl-Imqabba. Twieled fid-19 ta’ Marzu fl-1826 minn baskal Sapiano u Tereza nee’ Agius.

It-tendenza li ħafna nies jassoċjaw lil dan l-arloġġar ma’ Ħal Luqa ġejja mill-fatt li fl-1847 iżżewweġ ‘l Mikelina Mifsud, xebba minn Ħal Luqa, u minn dak inhar huwa mar joqgħod f’Ħal Luqa. Wara l-mewt ta’ martu iżżewweġ mill-ġdid, din id-darba ‘l oħt l-ewwel mara tiegħu stess, Marjanna Mifsud, fl-1857. Naturalment huwa baqa’ jgħix f’Ħal Luqa sa ma miet fit-02 ta’ Diċembru 1912. Mikelang Sapiano miet fl-eta’ ta’ 86 sena.

Kien ġej minn familja tar-rabgħa u għal din ir-raġuni missieru bagħtu biex jitgħallem is-sengħa ta’ mastrudaxxa għand mgħallem mis-Siġġiewi, ċertu Ġużeppi Bajjada. Il-ħsieb ta’ missier Mikelang kien li ibnu jkun jista’ jiftaħ għal rasu u jaħdem l-għodda tar-rabgħa.

Mikelang, iżda kellu f’moħħu pjanijiet oħrajn. Waqt il-ħin tal-mistrieħ kien imur fil-ħanut ta’ arluġġar Kalċedon Pisani fis-Siġġiewi stess, u kien minn hawn li tgħallem is-sengħa xejn sempliċi ta’ arluġġar. Kompla tħarreġ f’din is-sengħa taħt l-imgħallem Ġan Anton Tanti, mill-Marsa, li kien kemm ħaddied u fundatur jahdem f`funderija) kif ukoll arluġġar magħruf. Meta mbagħad kellu erbatax-il sena huwa fetaħ ħanut għat-tiswija ta’ l-arloġġi, u malajr kiseb ċertu isem, speċjalment meta rnexxielu jsewwi l-arloġġ tal-Knisja tal-Imqabba, biċċa xogħol li ħafna arluġġara oħrajn kienu qatgħu qalbhom minnha.

Wara xi żmien Sapiano beda wkoll jibni xi arloġġ u fl-1860 għamel l-ewwel arloġġ kbir għall-Knisja tal-Gudja. Il-fama li ħa Sapiano bħala arluġġar mill-aqwa ġabitlu ħafna xogħol u fil-fatt għamel mal-wieħed u għoxrin arloġġ kbir għall-knejjes u mkejjen oħrajn.

Dawn ix-xogħolijiet huma kollha meravilji tal-mekkanika li naturalment f’dawk iż-żminijiet kienet bil-wisq anqas avvanzata minn dak li waslet għalih illum il-ġurnata. Fost dawn ix-xogħolijiet iżda, hemm uħud li huma mfaħħrin aktar mill-oħrajn. L-arloġġ tax-Xatt tal-Marsa, ngħidu aħna, barra li kien idoqq il-ħin regulari, kien jagħti sinjal lill-ħaddiema erba’ darbiet kuljum fil-ħinijiet li kellhom jibdew u jtemmu s-sigħat tal-ħidma tagħhom.

Fis-26 ta’ Frar 1908, Mikelanġ Sapiano ġie onorat bil-medalja tad-deheb tas-Soċjeta’ ta’ l-Arti, Manifattura u Kummerċ għas-sena u l-ħila li wera f’karriera twila u sfiqa fl-inġinerija mekkanika. Sapiano kien it-tieni bniedem f’sittin sena li ġie mogħti dan l-unur.

KITBA TA’ ANTON FARRUGIA B.ED. (HONS)