L-Istorja tal-Imqabba

L-Imqabba huwa villaġġ żgħir li jinsab fin-nofs in-nhar ta’ Malta u li fih jgħixu madwar 3,200 resident. Għalkemm l-Imqabba huwa villaġġ żgħir ħafna, huwa uniku minħabba li l-biċċa l-kbira tal-ġebla tal-franka li tinsab f'Malta ġejja mir-raħal tal-Imqabba. Għaldaqstant dan il-villaġġ huwa speċjali għax huwa mogħni bl-uniku riżorsi naturali misjuba fuq din il-gżira. Il-maġġoranza tad-djar li hawn Malta huma mibnija bil-ġebla tal-franka li hija l-karatteristika ewlenija Maltija fil-kostruzzjoni tad-djar u bini ieħor. Il-fattur ġeografiku sawwar il-ħajja soċjo-ekonomika tal-villaġġ li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema tiegħu li jaħdmu fil-barrieri huma ħaddiema mill-Imqabba u mill-viċinanzi tal-Qrendi, Żurrieq, Siġġiewi, Kirkop, Safi u Luqa.

L-importanza tal-Imqabba tibqa’ murija fil-fdalijiet arkeoloġiċi misjuba fil-viċinanzi tal-Imqabba. Annimali estinti ġew misjuba fil-barrieri Ta’ Kandja u Tax-Xantin. Is-sejba ta’ għar li jinsab viċin is-sit magħruf bħala Bur Megħeż hija prova li n-nies Neolitiċi kienu hemmhekk. Madankollu waħda mill-iskoperti fl-Imqabba hija dik tal-Katakombi Paleo Kristjani f'tal-Mentna li nstabu fil-Pjazza tal-Ġublew tad-Djamanti fl-1860 mit-Tabib A. A. Caruana u l-Kaptan Strickland. Fil-fatt dan huwa kumpless ta’ Katakombi. Il-mejda tar-ritwal magħrufa bħala Agape, tiddomina l-istruttura sħiħa tal-oqbra. Dettalji arkeoloġiċi huma studjati mis-Sur Becker, Zammit u minn Bellanti.

It-Torri Vinċenti huwa bini importanti fl-Imqabba mibni minn Prijur Orfeo de Vincenzo matul il-preżenza tal-Ordni ta’ San Ġwann f'Malta fl-1726. F’Jannar tal-1997, l-Awtorità ta’ l-Ippjanar skedat din il-proprjetà biex tibqa’ protetta flimkien ma’ diversi bini storiċi importanti, għalkemm din il-proprjetà hija privata.
It-tradizzjoni qawwija reliġjuża tar-residenti hija murija fin-numru ta’ kappelli, niċeċ u knejjes fl-Imqabba, l-aktar waħda importanti hija il-Kappella ta’ San Bażilju li toriġina lura mis-seklu sittax. Il-knisja ġiet imkabbra fuq tliet okkażjonijet separati fejn l-aħħar parti kienet tlestiet fl-1515. Il-vittmi tal-pesta ġew midfuna kemm fil-kappella u kif ukoll fuq iz-zuntier.

Maġenb il-Kappella ta’ San Bażilju, tinsab kappella oħra li hija ddedikata lil San Mikiel li nbniet fl-1550. Din reġgħet inbniet fl-1669 u l-ġebla skolpita tal-pjazza fil-faċċata fuq il-bieb, hija probabbli fdal tal-kappella oriġinali.

Il-Kappella tad-Duluri li tinsab fi Triq il-Parroċċa hija partikolari għax hija miżmuma fi stat tajjeb ħafna. Din il-kappella kienet inbniet qabel l-1550 u kienet iddedikata lill-Assunzjoni ta’ Marija. Imbagħad ġiet mibnija fl-1680 u minn dak in-nhar ’il quddiem ġiet iddedikata lill-Madonna tad-Duluri.

Fuq iz-zuntier tal-Kappella ta’ San Ġwann ta’ Ħal Millieri kien hemm fonti mhux komuni li kien jintuża fil-magħmudija tat-trabi fiż-żminijiet antiki. Dan issa jinsab fil-Kappella tal-Lunzjata ftit passi bogħod. Il-knisja l-antika ġiet ipprofonata minn Mons Dusina fl-1575 u faċċata tagħha kien hemm knisja oħra ddedikata lil San Mikiel li kienet ipprofonata fl-1667.

Wieħed ma jistax iħalli barra l-Kappella ta’ Santa Katerina li tinsab f’post ċentrali fl-Imqabba; faċċata tal-Knisja tal-Parroċċa. Il-knisja ġiet mibnija fl-1761 fil-post fejn kienu jeżistu ż-żewġ knejjes ddedikati lil San Pietru u lil Santa Katerina.

Bini ieħor storiku u importanti huwa l-Isptar il-Qadim. Dan kien inbena mill-Kavallieri ta’ San Gwann fis-seklu 18 biex ifejjaq il-vittmi tal-pesta u mard ieħor. Bl-insistenza tal-kunsill, dan il-bini ġie irranġat u qed jiġi użat biex isiru fih diversi wirjiet, u laqgħat.

Fis-26 t’Ottubru 1994, il-Kunsill Lokali tal-Imqabba ikkumissjona perit biex jeżamina l-istatwa ta’ San Franġisk u l-pedestall tal-ġebel li jinsab fi Pjazza Ġublew tad-Djamanti, maġenb Triq tas-Sejba. Billi t-triq imsemmija ġiet imwessa’ fis-snin sebgħin, il-pedestall tal-ġebel u l-istatwa ġew maqlugħa u nbnew fil-post preżenti. L-istatwa hija magħmula minn materjal imħallat bis-sengħa msejjaħ Stukko ta’ Gulio Moschetti fl-1899 li tixbaħ lill-mużajk. Il-kunsill temm ir-restawr tal-istatwa flimkien mal-pedestall, permezz tal-iskultur Angelo Agius.

Il-villaġġ tal-Imqabba huwa antik u fl-1998 l-Knisja Parrokkjali ċċelebrat l-400 sena minn meta saret Parroċċa. Il-Knisja nnifisha hija mżejna b’mod rikk u l-koppla hija impressjonanti għax dik oriġinali kienet sofriet ħsarat kbar matul it-tieni gwerra dinija, u kellha tittella’ mil-ġdid. Fortunatament il-kampnar ma kien ġarrab l-ebda ħsarat. L-arloġġ kien ġie rranġat mill-mekkaniku Mqabbi Mikielanġ Sapiano li kien jagħmel u jirranġa l-arloġġi tal-knejjes. Għalkemm kienu saru diversi sforzi minn arluġġara oħra, dan ma sewa għalxejn għaliex ħadd ma kien sab tarfu. Hu kien ġie rikonnoxut aktar tard bħala ġenju mekkaniku.

Iż-żewġ każini tal-banda fil-villaġġ jinsabu fil-pjazza. Il-festi tal-villaġġ huma popolari ħafna mar-residenti. Fil-fatt, qed tingħata attenzjoni partikolari minn sena għall-oħra fuq in-nar tal-festi. Dan jiġbed ħafna nies, mhux biss lill-Maltin imma wkoll lit-turisti li jżuru l-gżira matul l-istaġun tas-sajf.

L-Imqabba għandha taħlita ta’ tradizzjonijiet qodma u oħrajn ġodda. Din it-taħlita tagħti identità partikolari u unika lil dan il-villaġġ żgħir fin-nofs in-nhar ta’ Malta.